Menu

Kannolli bl-Irkotta Ħelwa

Serves 20
Prep Time 20 mins
Cooking 40 mins
Level high

Ingredjenti

  • 250g dqiq plain 00
  • 18g zokkor fin (caster)
  • 1/4 kuċċarina melħ
  • 45g butir bla melħ, imqatta' f'biċċiet żgħar
  • 1/3 tazza nbid Marsala
  • 1 bajda kbira
  • 1 abjad tal-bajd
  • 1 litru żejt għall-qali
  • Icing sugar għall-wiċċ
  • 1 kg irkotta tal-Ħanini
  • 180g icing sugar
  • 125g ġewż sħiħ, imqatta' f'biċċiet żgħar
  • Pistaċċi bla melħ, imqattgħin
  • Ċikkulata mdewba
F'mixer, ħawwad id-dqiq, iz-zokkor u l-melħ. Żid il-butir u erġa' ħawwad sakemm ma jibqax biċċiet tal-butir. Żid l-inbid u l-bajda sħiħa u ħawwad tajjeb (żid l-inbid jekk ikun hemm bżonn) sabiex tgħaqqad l-għaġina. Agħmilha forma tonda, għattiha u ħalliha tistrieħ għal mill-inqas 30 minuta u l-iżjed siegħa. Saħħan iż-żejt f'borma kbira f'temperatura ta' 180C. Sadanittant, aħdem nofs l-għaġina u żomm in-nofs l-ieħor mgħotti. Ferrex ftit dqiq fuq il-wiċċ tal-bank u iftaħ l-għaġina rqiqa. Aqta' l-għaġina f'forom tondi b'4 pulzieri. Idlek il-forom tal-kannoli bi ftit likwidu tat-tisjir u dawwar il-forom it-tondi tal-għaġina madwar kull forma tal-kannoli, hekk kif tidlek tliet kwarti ta' kull waħda minn tarf minnhom bl-abjad tal-bajd. Agħfas it-tarf tal-għaġina man-naħa opposta tal-għaġina li tkun dlikt bl-abjad tal-bajd. Itfa' bil-mod 3 jew 4 kannoli f'daqqa fiż-żejt u aqlihom sakemm jieħdu l-kulur u jiġu jqarmċu. Dan il-proċess jieħu bejn minuta u żewġ minuti. (Iċċekkja t-temperatura taż-żejt sabiex tevita li taħraq il-kannoli). Neħħihom miż-żejt u qattar iż-żejt fil-borma stess. Poġġihom fuq srievet tal-karti sabiex ikomplu joqtru. Itwi ftit srievet tal-karti u geżwer sarvetta tal-karti mal-kannoll. Ħallihom jiksħu u rrepeti dan il-proċess għall-kumplament tal-kannolli. Tista' terfagħhom f'kontenitur magħluq u bejn kull saff u ieħor poġġi karta strazza. Għall-mili, ħallat l-irkotta mal-icing sugar u l-ġewż fi skutella. Idlek ftit ċikkulata mdewba fuq in-naħa ta' ġewwa tal-kannoli. Għaddas iż-żewġ naħat tal-kannoli fiċ-ċikkulata mdewba u għaddashom fil-pistaċċi u ħallihom jinxfu. Poġġi l-mili f'borża tal-plastik u aqta' b'imqass l-kantuniera (madwar 3/4 pulzieri mit-tarf). Imla l-kannoli miż-żewġ naħat. Poġġihom fuq platt u ferrex ftit icing sugar fil-wiċċ. Riċetta ta' Tonia Grima

Comments are closed.