Sabiex il-qarnit jiġik tari, saqsi lill-bejjiegħ tal-ħut sabiex jippreparalek il-qarnit b'mod li jkun lest għat-tisjir. Poġġih fil-friża għal madwar tliet ġimgħat. Ħallih jinżel mis-silġ u aħslu tajjeb. Qattgħu f'biċċiet żgħar. Imla kazzola bl-ilma u ħallih jagħli. Sajjar il-qarnit għal madwar 20 minuta. Saħħan ftit żejt taż-żebbuġa f'taġen kbir u aqli l-basal u t-tewm sakemm jieħdu l-kulur. Baxxi n-nar u żid it-tadam, il-kappar, il-kunserva u l-qoxra tal-lumija. Ħawwad tajjeb. Itfa' ftit ilma u ħallih itektek għal madwar 10 minuti. Neħħi l-biċċiet tal-qarnit mill-ilma u żidhom mat-taħlita tat-tadam. Żid il-merqtux u l-ħabaq u nofs l-inbid. Għatti t-taġen u ħallih itektek fuq nar baxx għal mill-inqas siegħa. Żid il-patata, il-piżelli u l-kumplament tal-inbid. Kompli sajjar dejjem fuq nar baxx għal madwar nofs siegħa oħra. Iċċekkja l-qarnit u kompli sajjar sakemm ikun tari. Jekk il-likwidu jinxef, żid ftit ilma jaħraq. Iċċekkja jekk għandekx bżonn iżżid xi ħwawar u servi mal-ħobż Malti frisk.

Ricetta ta' Anton B Dougall